L-iskejjel ta’ Malta u Għawdex ingħalqu kollha minħabba l-imxija ta’ virus ikrah li qed jinfetta l-pajjiżi kollha tad-dinja. Melanie u Karl ukoll jispiċċaw maqfulin id-dar mal-ġenituri tagħhom, ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu b’ħinhom, għalkemm Melanie tħobb ħafna l-qari.
Tirrakkonta l-istorja li qed taqra lil ħuha... dwar tifla jisimha Katie, li tixtri ktieb antik li, iżda, ma għandu l-ebda kitba fih. Imma l-ktieb jgħannilha u jeħodha post ‘l hemm mid-dinja tagħna.
Imbagħad, f’daqqa waħda, Katie u l-ktieb qadim tagħha jżuru lil Melanie. U hemm tibda storja mimlija fantasija li fiha t-tfal iħabbtu wiċċhom ma’ perikli u ġrajjiet fantastiċi.
U jitgħallmu xi ħaġa dwarhom infushom li żgur qatt ma kienu jafuha.
Ktieb miktub apposta mill-awtur u illustratur Ġorġ Mallia biex jingħata b’xejn f’forma elettronika bħala rigal lit-tfal Maltin u Għawdxin kollha li jinsabu d-dar minħabba fl-għeluq tal-iskejjel.
Ġorġ Mallia hejja wkoll video clip ta' 50 sekonds biex l-għalliema jibagħtu u l-ġenituri juru lit-tfal. Fiha jitkellem fil-qosor dwar il-ktieb u l-importanza tal-qari. Il-video clip tista' titniżżel minn HAWN u titqassam bla bżonn ta' permess.